F’konformità mal-ftehim settorjali tat-28 ta’ Novembru 2018, id-Direttorat tas-Servizzi għall-Infermiera żviluppa sistema ta’ valutazzjoni biex jevalwa l-prestazzjoni klinika/ maniġerjali tal-uffiċjali kollha fi Skala ta’ Salarju 8 jew ogħla fi ħdan il-klassi tal-infermiera u l-qwiebel li jaħdmu fis-servizz pubbliku.
L-iskop tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni huwa li jevalwa l-prestazzjoni fuq bażi individwali bbażat fuq ir-rekwiżiti tax-xogħol tagħhom. Il-programm ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni jeħtieġ aspettattivi ċari u fehim tad-deskrizzjoni tax-xogħol u r-responsabbiltajiet li dan jinvolvi kemm mill-persunal evalwat kif ukoll mill-evalwaturi.
L-evalwazzjoni tal-prestazzjoni proposta hija maħsuba biex tipprovdi mezz biex timmotiva lill-impjegati biex jirriflettu u jimbarkaw fuq strateġija ta’ titjib kontinwu, li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal riżultati aħjar għall-pazjent. Dan jinkiseb permezz ta’:
Stabbiliment ta’ fehim kondiviż tar-rwoli u r-responsabbiltajiet;
Żvilupp ta’ mezz ta’ koordinazzjoni tax-xogħol sabiex l-għanijiet tal-entità/servizzi/ministeru u r-responsabbiltajiet individwali jkunu allinjati;
Stabbiliment ta’ metodu ta’ kif jiġi pprovdut feedback regolari u kontinwu lill-persunal valutat, b’mod li jappoġġa l-motivazzjoni tiegħu;
Żvilupp ta’ djalogu bejn l-impjegati u s-superviżuri tagħhom li jista’ jgħin biex jiġu identifikati oqsma problematiċi, jiġu djanjostikati l-kawżi u jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati oqsma bħal dawn.